Brian Chesky
Merħba, jien Brian. Matul l-aħħar sena lqajt għadd ta' nies f'dari ġewwa San Francisco u ltqajt ma' nies veru tal-ġenn u l-ħin li qattajna flimkien kien mill-isbaħ. Waħda mill-iktar affarijiet li nħobb hija li ntemmu l-lejl madwar il-ħuġġieġa. U naħseb li Sophie tieħu iktar gost minni.
[Mużika Ferriħija]
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Brian jitkellem hu u jħares fil-kamera. L-istampa turi wiċċu mill-qrib, wiċċ dħuli qed jitbissem. Hu u jitkellem, l-istampa turi r-ritratti tal-mumenti li qasam mal-klijenti tiegħu: fl-ewwel ritratt qiegħed bilqiegħda ma' mejda fis-salott tiegħu u qed jiekol insalata ma' tnejn min-nies. Imbagħad qiegħed fit-terrazzin fuq pultruna u qed jitħaddet ma' koppja li qed tagħti dahra lill-kamera. Il-mara qed tmelles lil Sophie, il-kelba Golden Retriever tiegħu. L-istampa tinbidel u naraw lill-istess nies minn faċċata. Ir-ritratt qed jiffoka fuq Sophie u wara Brian u l-klijenti tiegħu hemm ħuġġieġa taqbad. Fuq il-mejda hemm platt bil-gallettini. Fl-aħħar hemm ritratt tal-istess post imma bi klijent ieħor. Ir-ritratt huwa iktar mudlam u l-biċċa l-kbira tad-dawl ġej mill-ħuġġieġa. Brian qed jieħu gallettina mill-platt filwaqt li Sophie qed tħares lejn il-platt mill-qrib. Il-klijent qed iħares lejn Sophie u jmellisha.
Brian Chesky
Imma ma ħadtx daqshekk gost nieħu ħsieb il-listing tiegħi. L-app ikkumplikata wisq. U kif tafu, li tieħu ħsieb il-listing hija waħda mill-iktar affarijiet importanti meta tilqa' n-nies. Dan huwa kif il-klijenti jsibu l-post tiegħek. U sibna li listings b'iktar dettalji jiksbu sa 20% iktar bookings. Imma mhix ħafifa li żżid id-dettalji mal-listing.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Hekk kif Brian qed jitkellem lejn il-kamera, il-filmat jaqleb bejn stampa u oħra. Fl-istampa usa' naraw l-isfond ta' wara Brian: qiegħed bilqiegħda ma' mejda tonda tal-injam bil-mowbajl tiegħu fuqha. Fuq ix-xellug tal-istampa hemm ħajt b'lewn ċar b'pittura fi gwarniċ tal-injam imdendla miegħu, gradenza tal-injam lewn ċar b'orkidea bajda fuqha u lampa tonda mixgħula. Fuq il-lemin tal-istampa hemm ħajt b'mappa tad-dinja mwaħħla miegħu, siġġu baxx b'cushion forma tal-kelma Airbnb, lampa fuq pedestall li qed iserraħ mal-art, skrivanija tal-injam fuq stil Skandinavu b'lewn ċar u siġġu magħha u xi oġġetti li jżejnu.
It-tieni stampa tiffoka fuq wiċċ Brian Chesky u turi aħjar xagħru mimxut pulit u t-t-shirt iswed li liebes.
Brian Chesky
Ħa nagħtikom eżempju. Irrid inżid il-fossa tan-nar mal-listing. L-ewwel irrid infittex il-listing. Xi mkien hawn. Sibtu. Issa jeħtieġli nsib il-kumditajiet. U ninżel 'l isfel, iktar 'l isfel. U għadni ma sibthiex. Dil-ħaġa m'għandhiex tieħu daqshekk ħin. Allura ħsibna ftit: Kif nistgħu nagħmluha eħfef li tieħu ħsieb il-listing tiegħek?
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Brian jaqbad il-mowbajl b'idu u l-istampa tiffoka fuq dak li qed jintwera fuq l-iskrin. Fuq l-iskrin qed jintwerew messaġġi bħal "Merħba lura Brian!", "Il-bookings tiegħek" u għadd ta' dettalji marbuta mal-bookings. Brian jagħfas fuq il-buttuna bi tliet linji mimdudin fir-rokna tal-lemin t'isfel u jagħżel il-listing tiegħu. Fuq l-iskrin titla' taqsima li jisimha "Dwar il-listing" li turi r-ritratti u iktar dettalji.
Brian jiftaħ it-taqsima "Kumditajiet" u jibda jniżżel 'l isfel b'mod li juri kemm hi iebsa li jsib dak li qed ifittex. Fl-aħħar iqiegħed il-mowbajl fuq il-mejda u l-kamera tiffoka fuq wiċċu.
Brian Chesky
U wasalna għal din. It-tab "Listings": Mod eħfef kif tieħu ħsieb il-listing u turi x'hemm fil-post tiegħek. Issa meta tiftaħ it-tab Listings, l-ewwel ħaġa li se ssib hija l-listing tiegħek. Issa kemm nagħfas fuqha biex nagħmel il-bidliet fil-listing tiegħi. Dan l-editur tal-listings, li jinqasam f'żewġ taqsimiet: "L-ispazju tiegħek" u "Gwida tal-wasla".
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Waqt li Brian jitkellem u jħares lejn il-kamera, l-isfond jinbidel għal abjad u jidhru linji ħomor li jidħlu f'xulxin biex jiffurmaw l-ikona ta' dar. Taħt das-simbolu titla' l-kelma "Listings". Is-simbolu huwa tal-buttuna li tidher f'nofs il-linja t'isfel tal-app ta' Airbnb.
Meta tagħfas fuqha din l-ikona tieħdok fil-kontenut tat-tab Listings, kontenut miġbur f'żewġ tabs: "L-ispazju tiegħek" u "Gwida tal-wasla". Taħt dat-tabs hemm werrej tal-istatus lewn aħdar li juri li l-listing huwa ppubblikat.
Brian Chesky
Ejja nibdew minn "L-ispazju tiegħek". Hawn iżżid id-dettalji kollha dwar il-post tiegħek bħall-isem, id-deskrizzjoni u l-kumditajiet. Tiftakru kemm sibtha bi tqila li nżid il-fossa tan-nar? Imma issa kemm nagħfas fuq is-simbolu taż-żieda, nagħżel kategorija, il-fossa tan-nar tinsab fuq barra u hawn hi.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Taqsima apposta tħallik ittella' r-ritratti biex toħloq dawra mal-post bir-ritratti. Iktar 'l isfel fil-paġna nsibu l-isem tal-listing. Hekk kif il-paġna tinżel 'l isfel insibu iktar dettalji bħal pereżempju x-xorta ta' propjetà, l-għadd ta' klijenti li jiflaħ il-listing, deskrizzjoni dettaljata, il-kumditajiet u lista tal-faċilitajiet tal-aċċessibbiltà. Brian jagħmel mistoqsija hu u jħares lejn il-kamera.
Minnufih wara, fl-app, fit-tab "L-ispazju tiegħek", xi ħadd jagħfas fuq "Kumditajiet" u jagħfas fuq is-simbolu taż-żieda fir-rokna tal-lemin ta' fuq tal-iskrin. Jitilgħu għadd ta' buttuni biex tiffiltra l-kategoriji. Xi wħud mill-filtri huma Bażiċi, Kamra tal-banju, Divertiment, Servizzi u Fil-beraħ. Brian jagħżel din tal-aħħar u jitilgħu għadd ta' għażliet fosthom Bitħa, Fossa tan-nar u Għamara fil-beraħ.
Brian Chesky
Issa jmiss ir-ritratti, li huma fost l-iktar affarijiet importanti għal listing mill-aqwa.
Dan kif ħafna drabi se jintwerew lill-klijenti. Lista waħda twila. Ikun aħjar li kieku jdawruk dawra mal-post. Ir-ritratti jitqassmu kamra b'kamra biex il-klijenti jifhmu aħjar kif inhu mqassam il-post tiegħek.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Brian Chesky ikompli jħares lejn il-kamera u jitkellem b'ton persważiv. Fl-app naraw lil xi ħadd iqalleb ir-ritratti tal-gallerija li juru l-kmamar fid-dar li Brian tella' fuq Airbnb.
Anki jekk dawn ir-ritratti juru l-ispazji kollha, kif jintwerew jaf ma jagħmilx sens. Grazzi għall-aħħar faċilità li żidna fl-app insibu dawra mal-post bir-ritratti mqassma kamra b'kamra. Fin-naħa ta' fuq tal-iskrin hemm l-istess stampi imma ċkejknin biex jgħinuk tagħżel kamra minn oħra iktar malajr. Eżatt taħthom ir-ritratti tal-ispazju magħżul jintwerew miġbur u enfasizzati aħjar. Iktar ma l-paġna tinżel 'l isfel, iktar insibu ritratti tal-kmamar imqassma u miġbura sew.
Brian Chesky
Biss biex toħloq dawra mad-dar bir-ritratti mhix biċċa xogħol ħafifa u għalhekk 10% tal-listings biss għandhom dil-ħaġa. Lanqas jien ma kelli xi ħaġa hekk sa ftit ilu. Imma issa kemm tagħfas "Oħloq dawra mad-dar bir-ritratti". Ħloqna algoritmu tal-IA li jiċċekkja r-ritratti kollha u jiġborhom kamra b'kamra. U dak kollox, għandi dawra mad-dar bir-ritratti. Waww, kważi lanqas titwemmen.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Waqt li Brian Chesky qed jitkellem, il-kamera taqleb bejn iż-żewġ xeni msemmija qabel. Qed iżomm il-mowbajl tiegħu f'idu l-leminija u l-espressjonijiet ta' wiċċu juru li qed jisħaq dak li qed jgħid.
Imbagħad ngħaddu għall-iskrin tal-app fejn insibu l-Editur tal-Listings b'kaxxa fin-naħa t'isfel tal-paġna li tgħid "Uri r-ritratti tiegħek kamra b'kamra, minnufih". Hemm eżempju ta' tliet stampi ċkejknin. Taħthom hemm buttuna lewn abjad li tistieden lill-utent joħloq dawra mal-post bir-ritratti. Meta tagħfas fuq dil-buttuna titla' stampa li turi għadd ta' ritratti, wieħed fuq l-ieħor, bil-kitba "Qed inqassmu r-ritratti tiegħek kamra b'kamra". Ir-ritratti bħal jieħdu l-ħajja: id-daqs tagħhom jinbidel, jidħlu f'xulxin u jinqasmu f'erba' kaxxi tal-istess daqs. Kif jintemm dal-effett animat titla' l-kitba "Id-dawra mad-dar tiegħek bir-ritratti lesta!" Taħtha hemm buttuna lewn iswed b'kitba lewn abjad li tgħid: "Agħti titwila!" Meta dil-buttuna tingħafas jintwera effett qasir ta' ċelebrazzjoni u r-riżultat aħħari tad-dawra mal-post bir-ritratti. L-istampa tkabbar bil-ħeffa dak li qed jintwera fuq l-iskrin u r-ritratti jidhru iktar fil-qrib.
Brian Chesky
Issa se tkun tista' wkoll iżżid il-kumditajiet ma' kull kamra. Jekk tixtieq iżżid kamra mal-listing, tista' tagħmel hekk meta trid. U din tal-ġenn, ħloqna dawn l-ikoni personalizzati għal 40 xorta ta' kamra u spazju. Se nerġa' ngħid: huma tal-ġenn. Araw it-tessut tad-drapp. Il-livell ta' dettall huwa inkredibbli u dan il-livell ta' dettall juri kemm investejna biex infasslu d-disinn kollu.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Hekk kif naraw ir-ritratti tal-app mill-qrib, xi ħadd jagħfas fuq il-kaxxa bl-isem "Kamra tas-sodda" u l-paġna tinżel 'l isfel sakemm tintwera l-għażla tal-"Kumditajiet". Tintwera taqsima bl-intestatura: "X'hemm f'dil-kamra?" b'għażliet bħal Bjankerija tas-sodda, Iktar imħaded u kutri u Blinds li jdallmu l-kamra. L-aħħar tnejn magħżulin.
Imbagħad l-istampa terġa' lura għal Brian li qed jitkellem u malli jissemmew l-ikoni personalizzati, l-iskrin juri għadd ta' ikoni 3D mill-isbaħ. Waħda minnhom tikber għad-daqs tal-iskrin u turi sufan b'pupa u żewġ cushions fuqu. L-ikona terġa' titkabbar u l-istampa turi l-livell ta' dettall li hemm għad-drapp tas-sufan.
Brian Chesky
Dan kien kif tibdel l-ispazju tiegħek. Issa wara li klijent jibbukkja importanti li jkun jaf x'għandu jagħmel mal-wasla. Imma ma kienx hemm mod ħafif kif tagħmel hekk għax kellek iżżur ħafna taqsimiet fl-app. Imma m'għadhiex hekk. Kemm tagħfas fuq "Gwida tal-wasla". Tista' żżid dad-dettalji kollha minn post wieħed fosthom id-dettalji tal-Wi-Fi, l-informazzjoni dwar id-dar u l-istruzzjonijiet taċ-checkin.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Waqt li Brian Chesky ikompli jitkellem, il-kamera tersaq 'il bogħod minn wiċċu u l-istampa turi x'hemm madwaru. L-istampa tinbidel għadd ta' drabi għal filmati miġbuda minn irkejjen differenti.
Imbagħad fl-istampa jitla' l-iskrin tal-app bl-Editur tal-Listings miftuħ. Hemm it-tab "L-ispazju tiegħek" magħżula u l-listing għandu l-istatus "Ippubblikat" muri b'tikka lewn ħadrani.
L-istampa taqleb għat-tab "Gwida tal-wasla" u nsibu taqsima bl-isem "Metodu taċ-checkin" bil-kitba "Żid id-dettalji" b'ittri lewn griż miktuba taħt l-isem. L-istampa toħroġ 'il barra mill-iskrin u turi l-għażla "Qabbad is-serratura tiegħek għal checkins mingħajr xkiel", id-dettalji tal-Wi-Fi, l-Informazzjoni dwar id-dar u r-Regoli tad-dar.
Brian Chesky
Ejja nduru għaċ-checkin. Bħal ħafna minnkom nuża serratura intelliġenti. Issa għamilnieha eħfef li tużahom għax is-serraturi intelliġenti jistgħu jaqbdu mal-pjattaforma tagħna. Kemm naqbad mas-serratura intelliġenti tiegħi mill-app ta' Airbnb u qbadt. L-app ta' Airbnb awtomatikament toħloq kodiċi uniku għal kull booking. Dawn il-kodiċi jaħdmu biss waqt il-vjaġġ ta' klijent u tista' tagħti iktar ħin skont il-ħtiġijiet tiegħek u tal-klijenti. Tista' tibda tuża dil-faċilità iktar tard dis-sena ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Kanada.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
B'rabta mal-integrazzjoni tas-Serraturi Intelliġenti, l-istampa turi n-nofs ta' fuq tat-tab "Gwida tal-wasla". Xi ħadd jagħfas fuq "Qabbad is-serratura tiegħek għal checkins mingħajr xkiel" u l-app turi paġna ġdida b'keypad bin-numri u katnazz imsakkar fuqha bl-isem taħtu. Fil-qalba tal-iskrin hemm buttuna lewn iswed b'kitba lewn abjad li tgħid "Qabbad" u taħtha hemm l-għażla "Kompli mingħajr ma tqabbad".
Meta tingħafas il-buttuna, nintalbu nagħżlu s-serratura tagħna u l-app tagħti għażla ta' tliet ditti: Schlage, Yale u August. Taħt kull ditta hemm għadd ta' mudelli ta' serraturi. Malli tingħażel waħda, jinstema' ħoss li jaqbel mal-effett animat ta' serratura intelliġenti biex juri li s-serratura qabdet mal-kont ta' Airbnb. Imbagħad jitilgħu sett ta' stampi b'istruzzjonijiet animati.
L-ewwel stampa jisimha: "Se nieħdu ħsieb nibagħtu l-kodiċi lill-klijenti aħna stess". Fiha, waqt li Brian Chesky qed jgħid li kull booking se jkollu kodiċi uniku, tintwera sekwenza b'4 ċifri kawżali.
Imbagħad titla' linja bil-firxa taż-żmien tal-booking li turi ċ-"Checkin" u ċ-"Checkout" bl-intestatura "Dawn il-kodiċi jaħdmu biss waqt il-vjaġġ ta' klijent".
Wara hemm linja bil-firxa taż-żmien tal-booking li l-ewwel biċċa tagħha għandha lewn iswed, il-biċċa tan-nofs lewn ġriż u l-aħħar biċċa lewn abjad. Bejn l-ewwel żewġ taqsimiet hemm il-kelma "Checkout" u bejn it-taqsimiet b'lewn griż u abjad hemm il-kitba "Il-kodiċi jiskadi". L-intestatura tat-taqsima għandha l-kitba: "Il-kodiċi se jiskadi 30 minuta wara ċ-checkout".
L-istampa terġa' lura u turi lil Brian jitkellem hu u jħares lejn il-kamera.
Brian Chesky
U issa, għall-ewwel darba, tista' tara l-gwida tal-wasla tiegħek l-istess kif se tintwera lill-klijenti. Kulma għandek tagħmel hu li tagħfas fuq "Uri". U dak kollox. U din hija t-tab Listings il-ġdida bl-editur tal-listings imfassal mill-ġdid, b'"L-ispazju tiegħek" u "Gwida tal-wasla", algoritmu li joħloq dawra mal-post bir-ritratti u u integrazzjoni mas-serraturi intelliġenti.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
Brian Chesky jitkellem ġenwinament hu u jħares fil-kamera.
L-istampa taqleb għall-iskrin tal-app li qed turi t-taqsima "Gwida tal-wasla" fejn hemm il-ħin taċ-checkin u taċ-checkout flimkien ma' informazzjoni oħra. Hemm ikona tal-batterija b'lewn aħdar ħdejn l-għażla tas-Serratura Intelliġenti. Fil-qiegħ hemm buttuna lewn iswed b'ikona ta' għajn bil-kitba lewn abjad li tgħid "Uri". Wara li xi ħadd jagħfas fuqha, titla' l-propjetà ppubblikata b'ritratt (f'dal-każ sodda b'kutra mlewna f'kamra b'żewġ twieqi għat-tul wara ras is-sodda, ritratt fi grawniċ u xi xtieli). Wara li Brain lesta l-ispjega tiegħu, il-kamera ddur fuqu u jqiegħed il-mowbajl tiegħu fuq il-mejda bil-mod.
Fuq l-iskrin tal-app, għal ħin qasir, naraw it-tabs "L-ispazju tiegħek" u "Gwida tal-wasla". Il-mowbajl jinsab fuq in-naħa tax-xellug tal-istampa u warajh hemm sfond lewn bajdani. Fuq mowbajl ieħor, li qiegħed fuq il-lemin tal-ewwel mowbajl, hemm l-għażla "Dawra mad-dar bir-ritratti" bl-effett animat taċ-ċelebrazzjoni tiegħu. Fuq it-tielet mowbajl, fuq il-lemin tal-istampa, hemm skrin li juri l-integrazzjoni ma' Serratura Intelliġenti.
Brian Chesky
Ilna iktar minn sena naħdmu fuq dal-proġett. Ħdimna ma' wħud mill-aqwa disinjaturi u inġiniera minn madwar id-dinja u dak li ħolqu huwa x'aktarx l-aqwa ħaġa li qatt fassalna. U hemm raġuni importanti għaliex nagħtu tant kas ta' dil-ħaġa: għax nifhmu li biex tirnexxi bħala Host teħtieġ l-aqwa għodod. Minn qalbi nemmen li dan kollu se jkunilkom ta' siwi u nistedinkom tippruvawh.
Deskrizzjoni ta' x'qed jintwera fl-istampa
F'għadd ta' xeni differenti li juru lil Brian Chesky jitkellem hu u jħares lejn il-kamera minn irkejjen u bogħod differenti, ninnutaw li qed iċaqlaq idejh biex jagħmel enfasi fuq kliemu hu u jfisser ħsibijietu. Jagħlaq il-filmat bi tbissima u kunfidenza kbira.